Posts

Mill-pinna tal-passat ta’ Profs Henry Frendo

Jitkellem magħna l-Profs. Henry Frendo, fejn qalilna dwar il-passat tiegħu fil-Furjana. Persuna ta’ ġieħ bħala storiku u lettur, iżda wkoll bħala Furjaniż.

Missieri u ommi twieldu Balzunetta (Strada Conservatorio) qabel il-gwerra, filwaqt li jien u ħuti trabbejna l-Furjana, Pjazza Sant’Anna kantuniera ma’ Strada San Tommaso. Il-purċissjoni u l-marċ f’San Publju kienu jgħaddu minn taħtna u għal numru ta’ snin il-pjanċier bil-banda kien jintrema’ f’nofs il-pjazza quddiemna. In-nanniet ukoll kienu joqogħdu l-Furjana sew min-naħa ta’ ommi (Felice; in-nannu Victor kien membru tal-konfraternita’ ta’ San Publju) u sew min-naħa ta’ missieri (in-nannu Hennie, l-Avv. Enrico Frendo, li ghħl xi żmien kien president tal-Vilhena) li kienu joqogħdu Strada Nuova, lejn is-sur. Missieri Joey kien jilgħab mat-Tigers u għal xi żmien maż-żgħar tal-Ajax. Kien ukoll segretarju tal-kumitat ċiviku tal-Furjana. Ħuh, l-avv. Victor, kien president tal-Floriana F.C.

Taħtna fl-appartamenti ta’ Carbone kellna s-Central Bar ta’ Charlie u Baskal u n-neputijiet Raymond u Pullu. Fil-ħanut viċin tal-merċa f’San Tommaso kien hemm Karmenu u Kikku jbieghu l-ħobż (kien hemm il-forn viċin ukoll) u l-ikel ta’ kuljum, u jqartzu fil-karta strazza. Fuq in-naħa l-oħra fuq Sant’Anna kellna lil ta’ Londra (The London Confectionery) ta’ Ġużeppi Falzon, li kien qisu ċentru soċjali, kif sar il-Fsobians fi żmien Lolly Tonna. Ġuzeppi ta’ Londra kien famuż sew għaz-zeppoli, l-itjeb zeppoli li qatt doqt, u San Ġużepp kienet il-festa ta’ missieri u ommi Ġuża. Nikftakar lil bintu tferra il-għasel mill-ġarra għal fuq iz-zeppoli fil-ħanut.

Fi tfulili kont immur l-istadium ma’ missieri speċjalment meta kienu jilgħabu l-Furjana u s-Sliema. L-agħar kienu tal-Belt, dejjem aggressivi, intolleranti u vjolenti, igarawlna l-ġebel u jiggranfaw mill-firdiferru qishom xadini. Fil-ħamsinijiet Floriana FC kienu jirbħu kważi kollox u quddiemna kellna festa, kultant bl-iljun mizbugħ blu wara xi telfa ma’ Tas-Sliema. Niftakar sew lil Lolly Borg, Lolly Debatista, Ġużi Alamango u l-Koku Pullu d’Emmanuele, wara lil Louis Arpa li kien ifakkarni fil-Lolly Borg, u tant oħrajn. Niftakar lil Alamango bil-baqqun u ċorma tfal miegħu, jien wieħed minnhom, joħorġu lill-iljun mill-kamretta li kienu għalquh fiha taht il-loġoġ, quddiem l-ispizerija u Salvu Seba’ Soldi (‘Salvo’s Bar’), minħabba xi xogħlijiet fi Strada Sant’Anna.

Fil-festa, fl-Istrina u fil-Għid kienet tigi ghandna l-familja kollha. Konna ndumu nqasqsu l-karti u l-fided xhur ghal fuq il-marc u l-vara, li jien bħalha kelli waħda żgħira wkoll. Darba waqgħali l-imqass mal-karti u ġie fuq ras wieħed bil-qargħa; mirakolosament ma ferieħx. Bħala tfal konna niffrekwentaw il-Mall, Fuq il-Fosos, ix-Xagħra, l-Argotti, il-Biskuttin, u kont għamilt ħafna ħbieb speċjalment fil-Legion of Mary (fil-kampnar) u l-Fsobians bit-table tennis. Meta nfetaħ il-Youth Centre il-Vici, Dun Pawl Camilleri, kien talabni nagħmel diskors. Kont għadni student. Dak iż-żmien kont ukoll naqra l-quddiesa minn fuq il-mikrofonu ħdejn l-artal. Eventwalment itgħarrast lil Margaret Debono, li kienet tiġi n-neputija ta’ l-Arċipriet, Dun Alwiġ. Illum hi marti u omm it-tlett uliedna.

Naturalment fejn tkun toqgħod jimmarkak f’ħafna sensi, sbieħ u koroh. Mingħand Pawlu Dimech, faċċata, fejn kien jgħammar il-Futru (li dwaru Ċeċil Satariano ġibed film), kont tixtri l-gazzetta. Taħtna għal bosta snin kien hemm il-każin Nazzjonalista li ma nafx kemm il-darba tfarrak u qatt ma ġie arrestat ħadd. Kull min kien dieħel jew ħiereġ mill-belt kien jgħaddi minn quddiemna.

Il-konnessjoni mal-Furjana baqgħet u mhix l-ewwel darba li l-aħwa niltaqgħu fil-festa u mmorru għall-Antifona. Ommi u missieri meta ġew neqsin it-tnejn kellhom il-quddiesa funebri f’San Publju, filwaqt li jien għadni sal-lum President Onorarju tal-Vilhena. Meta l-Kunsill onorani b’Ġieħ il-Furjana fl-2002 is-Sindku kien annunzja fuq il-Fosos li “l-ewwel Sindku ta’ Ħ’Attard kien mill-Furjana”. Snin wara ngħatajt ukoll Ġieħ Ħ’Attard, fejn kont mort noqgħod wara li żżewwiġt.

Imma l-punt ta’ l-oriġini jibqa’ dejjem wieħed, tgħix fejn tgħix, u dan ma jista’ jibdlu ħadd.