Stqarrija dwar: Proġett Pilota għal Triq Sant’Anna
Proġett Pilota għal Triq Sant’ Anna –
B’referenza għall-aħbar li ħarġet mill-Ministeru, il-Ministru responsabbli mill-Ambjent Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Joseph Cuschieri, u li l-Kunsill Lokali tal-Floriana sar mgħarraf permezz tal-media, li tgħid li fl-2025, jittellaq proġett pilota biex Triq Sant’Anna tkun mingħajr karozzi fi ġranet magħżula, il-Kunsill Lokali Furjaniż jesprimi d-diżapprovazzjoni qawwija tiegħu li għal darb’oħra b’rabta ma’ proġett fi Triq Sant’ Anna qatt ma kien hemm diskussjoni.
Il-Kunsill Lokali tal-Floriana jfakkar li ftit tal-ġimgħat ilu għamel talba biex jiltaqa’ mal-Ministru Miriam Dalli, talba għal-laqgħa u li s’issa jidher li ma kelliex ħin sabiex tiltaqa’ mal-Kunsill Lokali.
Il-Kunsill Lokali jfakkar li l-unika laqgħa li saret bejn il-Ministeru konċernat u l-Kunsill dwar il-proġett ta’ Triq Sant’Anna, saret għax talabha l-Kunsill, u dan seħħ snin ilu. Minn dakinhar ‘l hawn qatt ma smajna xejn, għajr naraw aħbarijiet bħal dawn fuq il-media.
Mill-ġdid il-Kunsill Lokali tal-Floriana jappella biex ikun hemm rispett fil-mod kif ikunu implimentati u mħabbra l-affarijiet, dan speċjalment mill-Gvern. Il-Kunsill jappella għal diskussjoni mal-Furjaniżi b’rabta ma’ deċiżjonijiet bħal dawn, u li fuq kollox il-Kunsill Lokali jkun stmat bħala l-għola entità lokali fil-Floriana u li kull deċiżjoni li tittieħed għall-Floriana, se taffettwa l-lokalità.
Il-Kunsill Lokali tal-Floriana issa qiegħed mill-ġdid jinsisti għal laqgħa immedjata mal-Ministru kkonċernat fuq il-proġett li potenzjalment se joħloq ħafna riperkussjonijiet kbar li jaffettwaw kemm lir-residenti Furjaniżi kif ukoll lill-komunità kummerċjali Furjaniża ta’ Triq Sant’Anna.