Issieħeb f’Sotto-Kumitat tal-Kunsill Lokali
SOTTO-KUMITATI TAL-KUNSILL LOKALI FLORIANA
Bħalma kien isir fl-imgħoddi, il-Kunsill Lokali Floriana qed jerġa’ jwaqqaf għadd ta’ sotto-kumitati bl-iskop li jikkoinvolġi l-Furjaniżi b’mod ġenerali direttament fil-ħidma tal-istess Kunsill Lokali Floriana b’risq il-Floriana u l-komunita’ Furjaniża.
Bit-twaqqif ta’ dawn is-sotto-kumitati, il-ħidma tal-Kunsill Lokali issir aktar effiċjenti u jistgħu jintlaħqu aħjar il-miri u l-aspirazzjonijiet tal-komunita’ Furjaniża.
L-ewwel sotto-kumitati li ser jitwaqqfu huma dawn li ġejjin:
SOTTO-KUMITAT GĦALL-INDAFA PUBBLIKA U L-AMBJENT
Is-Sotto-Kumitat għall-Indafa Pubblika u l-Ambjent huwa fost l-aktar sotto-kumitati importanti tal-Kunsill Lokali Floriana u għandu rwol mill-aktar vitali biex jgħin lill-istess kunsill lokali fil-kampanja u l-ħidma li trid issir ta’ kuljum biex il-lokalita’ sabiħa tagħna jkollha dehra li jixirqilha fejn tidħol l-indafa pubblika.
Dan is-sotto-kumitat jaħdem ukoll biex l-ambjent ġenerali tal-Floriana – toroq, ġonna, pjazez, msaġar, etc. – jilħaq l-ogħla livelli li jiġġustifikaw il-lokalita’ tagħna bħala waħda mill-isbaħ f’Malta.
SOTTO-KUMITAT GĦAR-RELAZZJONIJIET LOKALI U INTERNAZZJONALI
Dan is-sotto-kumitat jaħdem fuq ir-relazzjonijiet lokali u internazzjonali bejn il-Floriana u lokalitajiet oħra, partikolarment mar-raħal ta’ Ta’ Kerċem, li miegħu il-Floriana għandha ġemellaġġ lokali, kif ukoll mal-belt ta’ Macerata, fl-Italja, li magħha wkoll il-Floriana hija ġemellata. Dan is-sotto-kumitat jaħdem ukoll fuq xi relazzjonijiet lokali u internazzjonali oħra li jista’ jistabbilixxi il-Kunsill Lokali Floriana minn żmien għal żmien.
SOTTO-KUMITAT TA’ ST PATRICK’S (SUN)DAY
Kif kien fl-imgħoddi, dan is-sotto-kumitat jaħdem biex l-attivita’ ta’ St Patrick’s (Sun)Day organizzata mill-Kunsill Lokali Floriana tilħaq l-miri li għaliha kienet ġiet maħluqa oriġinarjament mill-istess kunsill lokali, jiġifieri li ma tkunx biss attivita’ ta’ divertiment iżda okkażjoni b’laqta kulturali wkoll li tfakkar ir-rabtiet storiċi antiki bejn il-Floriana u l-Irlanda f’diversi oqsma.
Kull min jixtieq jifforma parti minn xi wieħed, jew aktar, minn dawn is-sotto-kumitati jista’ javviċina personalment lil xi membru tal-Kunsill Lokali Floriana u jagħti d-dettalji tiegħu (Isem, Indirizz, Numru/i tat-telefon, Indirizz tal-posta-e) jew japplika direttament f’Dar il-Kunsill Lokali Floriana jew iċempel lill-kunsill lokali (21235523; 21236951) jew jibgħat id-dettalji permezz tal-posta-e: floriana.lc@gov.mt