Żur il-Floriana nhar il-Ħadd 9 t’Ottubru għall-attivita’ Ġenna ta’ Ġonna

M’hemmx dubju li l-Floriana hija “Ġenna ta’ Ġonna” għax tipposjedi l-akbar numru ta’ ġonna pubbliċi f’Malta mxerrdin mal-konfini tagħha, iżda għandha wkoll ħafna aktar x’toffri. Wara s-suċċessi fi snin preċedenti, din is-sena se ssir għas-6 edizzjoni l-attivita’ ‘Ġenna ta’ Ġonna’.

Bil-kollaborazzjoni ta’ diversi organizazzjonijiet li qegħdin fil-Floriana, dakinhar se jkunu miftuħin il-ġonna kollha li għandna fil-Floriana, mużewijiet, binjiet storiċi u postijiet ta’ interess. Fid-diversi postijiet se jkun hemm gwida li tispjega l-valur storiku tal-post.

Fost l-attrazzjonijiet se jkun hemm manuskritti antiki u patrijiet ibbalzmati fil-Kunvent tal-Kapuċċini, ċans li titla’ fuq il-kampnar tal-Knisja Arċipretali ta’ San Publju, il-ġonna “sigrieti” fis-swar, xogħol mill-artisti taħt il-loġoġ u xeni mill-isbaħ li l-Floriana għandha x’toffri u li ftit nies tul il-jum japprezzaw.

Għalhekk żommu l-Ħadd, 9 t’Ottubru, 2016, ħieles biex issir taf, aktar minn qatt qabel, kemm hi sabiħa u sinjura l-Floriana tagħna fl-istorja, fl-arti u fl-ambjent tagħha.

Għal iktar informazzjoni wieħed għandu jikkuntattja l-kunsill lokali tal-Floriana fuq 2123 5523; email fuq floriana.lc@gov.mt.